Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Budget 2026 se jkompli jsaħħaħ lill-familji Maltin u Għawdxin permezz ta’ tnaqqis bla preċedent fit-taxxa għall-ġenituri ħaddiema. Ġenituri b’żewġ ulied jew aktar li jaqilgħu sa €30,000 kull wieħed se jieqfu jħallsu taxxa fi żmien tliet snin – miżura li tagħmilhom tax-free għal kważi kwart ta’ seklu. Ġenituri b’tifel wieħed se jibbenefikaw minn tnaqqis sostanzjali wkoll.
Il-Prim Ministru tenna li Malta qed tippreżenta l-aqwa budget fl-istorja, fi żmien li ekonomiji oħra Ewropej qed jiffaċċjaw awsterità. Il-pakkett soċjali ta’ €120 miljun se jgħin lill-aktar familji fil-bżonn, b’single parent b’żewġt itfal fuq il-paga minima tara żieda ta’ €650 fid-dħul tagħha.
Il-pensjonanti se jgawdu l-ħdax-il żieda konsekuttiva fil-pensjoni – dritt doppju tal-għoli tal-ħajja – filwaqt li tiġi indirizzata inġustizzja li ilha teżisti mill-2006. Barra minn hekk hemm żieda ta’ 15% fl-istipendji tal-istudenti u aktar għajnuna għal studenti Għawdxin.
Il-Government qed jalloka wkoll €100 miljun għall-qalba diġitali u adozzjoni tal-AI, bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050 biex il-pajjiż ikun fost l-aħjar fid-dinja f’livell ta’ żvilupp uman u sodisfazzjon fil-ħajja.
(Ritratti: DOI/OPM)