Government Registered Online News Portal


Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jippubblika riżultati ta’ studju dwar is-servizzi soċjali

Studju nazzjonali jitfa’ aktar dawl fuq is-servizzi soċjali f’pajjiżna

Staff Reporter || Published: October 6, 2025, 2:10 pm
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jippubblika riżultati ta’ studju dwar is-servizzi soċjali Il-Ministru Michael Falzon waqt il-preżentazzjoni tar-riżultati tal-istudju dwar is-servizzi soċjali.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ikkummissjona studju nazzjonali sabiex ikollu stampa aktar ċara dwar x’jaħseb il-poplu fuq il-livell ta’ servizzi soċjali offruti u l-livell ta’ sodisfazzjon minn dawk li jirċievu s-servizzi, fost oħrajn.

It-Tnejn filgħodu ġew ippreżentati r-riżultati li ħarġu minn studju li wettaq Prof. Vincent Marmara. B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li dan il-Gvern kontinwament ikun ta’ sostenn soċjali għal min ikun jeħtieġ l-għajnuna waqt li b’mod ħolistiku jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

“Sodisfatti bir-riżultati li ħarġu, għax fil-maġġoranza n-nies huma sodisfatti bis-servizzi soċjali li noffru. Naturalment dejjem jibqa’ fejn tista’ ttejjeb u għaldaqstant ser inkunu qed nanalizzaw dawn ir-riżultati u nsaħħu dawk l-oqsma illi għandu jsir aktar impenn dwaru,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Mark Musù tkellem dwar kif fl-aħħar snin kienu introdotti benefiċċji u servizzi ġodda li ddaħħlu sabiex jindirizzaw sitwazzjonijiet partikolari. “Minkejja t-titjib kollu li sar, xtaqna ritratt tal-perċezzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi dwar is-servizzi soċjali li qed nagħtu u kemm u min qed jagħmel użu minnhom. Iktar minn hekk riedna li jkollna stampa ċara ta’ fejn nistgħu ntejbu,” stqarr is-Segretarju Permanenti, Mark Musu.

Il-Prof. Vincent Marmara li wettaq dan l-istudju qal li l-maġġoranza tan-nies juru livell ta’ sodisfazzjon għoli għas-servizzi soċjali mogħtija f’pajjiżna, u dan kien attribwit għal 3.63 minn massimu ta’ 5 punti.

Huma l-aktar in-nisa li jirċievu benefiċċji soċjali (60.2%), b’dawk il-persuni ’l fuq minn 66 sena huma l-aktar dipendenti fuq benefiċċji soċjali.

L-iktar benefiċċju komuni huwa dak taċ-Children’s Allowance filwaqt li l-inqas huwa dak tal-unemployment benefit.

Aktar minn 60% ta’ dawk li wieġbu s-survey, tkellmu dwar kif il-benefiċċji soċjali wasslu għall-kwalità ta’ ħajja aħjar f’ħajjithom. B’aktar minn 70% ta’ dawk li jirċievu benefiċċji jistqarru li huma kuntenti bl-informazzjoni mogħtija b’rabta mal-benefiċċju li jirċievu. Dawk li għandhom ’il fuq minn 65 sena rrapportaw li huma l-aktar sodisfatti bis-servizzi soċjali mogħtija.

L-għajnuniet lill-familji, fosthom dwar aktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol kienu fost il-fatturi identifikati f’dan l-istudju.

Aktar minn żewġ terzi qalu li għandu jsir arranġament sabiex ikun hemm skema ta’ private pension scheme li tikkumplimenta l-pensjoni tal-istat.

By commenting you are accepting our Comment Policy.


Don't Miss